Menu Filter

NOTTE BIANCA: l-aqwa waħda s’issa?

NOTTE BIANCA: l-aqwa waħda s’issa?

Darba fis-sena lejn il-bidu ta’ Ottubru sseħħ xi ħaġa maġika fil-belt kapitali Valletta. Tibda kif tinżel ix-xemx meta l-ħajja tal-belt tibda tnaqqas wara ġurnata mimlija. Din hi l-unika lejla li fiha jidħlu iktar nies milli joħorġu. F’daqqa waħda qniepen mill-kampnari jibdew idoqqu f’kakofonija glorjuża. Mużiċisti u gruppi mużikali jdoqqu fuq palkijiet armati fil-pjazez. Atturi jirreċtaw fil-kantunieri. Żeffiena u buffi u magicians iterrqu fit-toroq ifittxu biex jiddevertu lin-nies. U hekk, il-Belt tieħu l-ħajja bit-taħlita ta’ arti u kultura notturna li tibqa’ għaddejja sas-sigħat bikrin ta’ filgħodu. Din hi Notte Bianca.

Issa li waslet fit-12-il edizzjoni tagħha, Notte Bianca saret stabbilita sew fil-kalendarju kulturali Malti. Għaxriet ta’ eluf ta’ Maltin u turisti jżuru l-Belt biex jesperjenzaw għadd ta’ attivitajiet fosthom l-aqwa mużika, żfin, teatru, arti viżiva, attivitajiet letterarji, kif ukoll proġetti li jesploraw id-dinja ġdida tal-arti diġitali.

Mhix l-ewwel darba li Notte Bianca kellha mistednin barranin. Imma din is-sena kienet waħda kbira bl-għadd ta’ kollaboraturi ta’ kalibru li qegħdin jieħdu sehem. L-ikbar stilla tal-programm hu l-grupp magħruf internazzjonalment La Fura dels Baus, li fetaħ l-Olimpijadi ta’ Barċellona tal-1992 u ħadmu fuq l-akbar palkijiet tad-dinja. Matul il-ġimgħa li twasslek għal Notte Bianca, La Fura se jmexxu workshop dwar kif jaħdmu għall-artisti u l-prattikanti tat-teatru. Matul dan il-workshop intensiv, se jiżviluppaw xogħol teatrali li se jintwera fil-lejla ta’ Notte Bianca. Il-pubbliku mistieden iniżżel app bl-isem KALLIOPE biex jesperjenzaw ix-xogħol, li se tkun miftuħa għal 500 ruħ kull darba.

Taħlita ta’ artisti elettroniċi multinazzjonali – ODED NIR, Above Smoke u The Floating Fluxman – se jingħaqdu bit-talenti tagħhom fl-avveniment imsejjaħ NOTTE BLANK. Artisti lokali se jkollhom l-opportunità jikkollaboraw ma’ dawn il-mistednin u jsibu mod kif iħalltu t-talenti tagħhom fi produzzjoni live fi Piazza d’Armi f’Forti Sant’Iermu.

Barra minn hekk, ammiraturi tal-jazz se jkollhom l-opportunità jgawdu l-mużika tad-drummer Ingliż Clark Tracy, li ngħata t-titlu ta’ UK Jazz Drummer 2017, li se jingħaqad mal-pjanist Dominic Galea u l-grupp mużikali tiegħu f’Sur Jazz. Flimkien mal-kantanta Nadine Axisa, il-band se ddoqq selezzjoni ta’ kanzunetti favoriti tal-jazz, fosthom tribut li jingħata lil-leġġenda tal-mużika Sammy Bartolo, f’Victoria Gate.

Hekk kif il-belt innifisha hi l-palk, Notte Bianca bħas-soltu tieħu vantaġġ mis-sbuħija tal-arkitettura tagħha. Il-viżitaturi se jkunu jistgħu japprezzawha aktar permezz tal-użu innovattiv tat-toroq u l-ispazji pubbliċi kif ukoll proġetti li jimxu minn post għall-ieħor jew li nħadmu apposta għal xi post partikulari.

Folol li jimirħu fi Pjazza Repubblika jistgħu jilmħu l-għasafar fil-proġett imsemmi Ajru, installazzjoni interattiva ta’ bosta oġġetti li flimkien jixbhu qatgħa għasafar. Purtiera kbira tal-LEDs se tintrema fi Pjazza San Ġorġ, li fuqha jiġu proġettati s-siluwetti ta’ dawk li huma kuraġġużi biżżejjed li jimxu quddiem il-kamera ta’ Lampa Stampa. U l-viżitaturi, jekk iridu jistgħu jżommu għajnejhom miftuħa għall-kaxxi tat-telefown ħomor antiki, fejn persuni misterjużi se jkunu qegħdin jistennew fuq il-linja l-oħra, bħala parti mill-proġett Min Hemm?

Id-dramm Qatt Ġrieden jesplora t-toroq ta’ taħt il-Belt waqt li jwiegħed li jkun wieħed mill-aħjar xogħlijiet teatrali tal-lejla. B’kitba ta’ Anna Pullicino u mużika oriġinali ta’ Justin Galea, id-dramm jittratta l-istorja ta’ kolonji ta’ ġrieden li qed jaffaċċjaw xogħlijiet ta’ kostruzzjoni fil-belt kapitali. Id-dramm għandu l-produzzjoni tal-grupp teatrali Malti, Xenati.

Wara suċċess kbir matul is-snin li għaddew, Karaoke ta’ Vera jirritorna ħafna akbar u aħjar. Kull min jixtieq joħroġ lill-kantant pop ta’ ġo fih, jista’ jaqbad u jitla’ fuq palk armat apposta għal karaoke live b’mużika pprovduta mill-Brass House Unit. Agħżel il-kanzunetta li tixtieq u kantaha lill-udjenza ta’ quddiemek fi dwett mal-kantanti famużi Maltin Destiny, Claudio Faniello, Kevin Borg jew Gaia Cauchi.

Minbarra l-40 attività uffiċjali ta’ Notte Bianca, il-viżitaturi se jkollhom iċ-ċans ukoll li jduru l-ħafna knejjes, palazzi statali u mużewijiet tal-belt kapitali li se jibqgħu miftuħin sas-sigħat bikrin, b’uħud minnhom itellgħu wirjiet artistiċi jew performattivi. Din is-sena l-Palazz tal-Arċisqof se jiftaħ il-bibien tiegħu għall-ewwel darba waqt Notte Bianca, waqt li l-Malta 5D se tkun miftuħa għall-udjenzi b’xejn.

Matul il-lejla, kull fejn iddawwar wiċċek, se ssib xi ħaġa biex titpaxxa matul dan il-festival maġiku.

Għal aktar tagħrif dwar l-attivitajiet kollha ta’ Notte Bianca żur www.nottebianca.org.mt.

Notte Bianca mtellgħa mid-Direttorat tal-Festivals fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Arti li jaqa’ taħt il-Ministeru tal-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali; bl-appoġġ tal-Fundazzjoni Valletta 2018, il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta, MSV Life u Farsons.

 

Other News

#nottebianca

SEGWINA FUQ IL-MIDJA SOCJALI

Dwar Notte Bianca

Notte Bianca tirritorna l-Belt Valletta b’mod spettakolari nhar is-Sibt 7 ta’ Ottubru bi programm imħejji b’reqqa mit-tim ta’ Notte Bianca flimkien mal-Kunsill Malti għall-Arti, li jiġbor fih l-aspetti kollha mill-qasam kreattiv..

Downloads

  • Mappa tal-Belt Valletta
  • Programm tal-Atmosfera
  • Logo tan-Notte Bianca Atmosfera
  • Programm Uffiċjali tan-Notte Bianca
  • Ara il-Vidjo tan-Notte Bianca 2017
  • Logo Uffiċjali tan-Notte Bianca

Segwina