Menu Filter

ISMIJIET KBAR FIL-MUŻIKA WAQT NOTTE BIANCA 2017

ISMIJIET KBAR FIL-MUŻIKA WAQT NOTTE BIANCA 2017

Din is-sena aktar minn qatt qabel Notte Bianca – toffri programm mżewwaq imħejji għal dawk li se jżuru l-Belt Valletta s-Sibt 7 ta’ Ottubru. Il-programm tal-mużika hu mħawwar b’ħafna ġeneri tal-mużika li żgur għandu jolqot il-gosti ta’ kulħadd waqt li tospita jiċċelebra ismijiet kbar f’dan il-qasam.

Mużiċist ieħor importanti li Notte Bianca se tiċċelebra hu Philip Glass, kompożitur influwenti fil-qasam tal-films u l-mużika, li dis-sena għalaq 80 sena. Glass se ddoqq xogħlu Gabi Sultana, pjanista li kisbet fama internazzjonali wara li daqqet f’għadd kbir ta’ festivals fil-Ġappun u f’bosta pajjiżi differenti fl-Ewropa, l-Amerka u l-Awstralja. Gabi ddoqq Glass hu kunċert ta’ siegħa li se jingħata fil-Kappella ta’ Sta Madalena fis-7.30pm u fid-9pm.

Tina (Tnejn) ’Mast tkompli fuq l-edizzjoni tas-sena li għaddiet Tina Mast. Din is-sena minflok planċier interattiv mal-bandisti, se jkun hemm kunċert mużikali kbir, imtella’ mill-koristi. Kor wara kor u konduttur wara konduttur, Pjazza Kastilja se timtela bil-ħoss ta’ vuċijiet anġeliċi, tal-koristi mill-kor Mirabitur , VOCA Choir u Joy Gospel Singers.

Għal dawk li huma ammiraturi tal-kantant Mellieħi Sammy Bartolo, Dominic Galea flimkien mal-grupp mużikali tiegħu, se jagħtuh tribut waqt lejla ta’ jazz f’Victoria Gate taħt il-kappa ta’ Sur Jazz. Mistednin speċjali għall-kunċert huma Clark Tracy, li ngħata l-premju UK Jazz Drummer tal-2017 u l-kantanta Maltija Nadine Axisa.

Minbarra dawn se jkun hemm George ‘il-Pusè’ Curmi mal-grupp mużikali tiegħu f’lejla ta’ mużika Arġentina fi Strait Tango, id-dwett akustiku Xarulù li se jingħaqad mas-60 mużiċist tal-banda Big Friends Guggen f’lejla ta’ mużika rock u klassiċi pop, u Duo Kukkanja jdoqqu mużika ispirata minn melodiji folkloristiċi tradizzjonali Maltin imħallta mal-laqta komika assurda tagħhom.

Claire Tonna Tkanta Leonard Cohen hu wieħed mill-iktar kunċerti mistennija, mhux biss għax se jindaqq xogħol tal-kantawtur u mużiċist leġġendarju Leonard Cohen imma wkoll għax Claire Tonna se terġa’ tkanta f’Malta wara li ilha nieqsa mix-xena lokali għal dawn l-aħħar sentejn. Tonna, li hi mużiċista u kantawtriċi hi wkoll, se tkun akkumpanjata minn Daniel Sant (pjanu) u Michael Galea (tnabar), b’kontribuzzjonijiet mużikali minn Francesca Galea (vuċi), Chris Cini (vjolin), Brian Tonna (kunċertina) u l-kantawtriċi Sasha Vella.

Attivitajiet oħra li jinkludu forom oħra ta’ dixxiplini artistiċi hemm Notte Blank, li tinkludi wirjiet mużikali u viżwali, mogħtija minn ODED NIR, Above Smoke u The Floating Fluxman fost oħrajn u Zekzik: Minn Wara l-Persjana li hu xogħol maħdum apposta għad-Diju Balli minn tliet żeffiena kontemporanji b’kollaborazzjoni ma’ tliet mużiċisti li se jimprovizzaw fuq il-post.

Fuq mużika iktar popolari se jkun hemm għannejja jgħannu l-makkjetti f’Marsamxett u ħdejn il-lift tal-Barrakka, kif ukoll Karaoke ta’ Vera, li se jirritorna ħafna akbar u aħjar, ippreżentat minn Tiziana Calleja. Membri tal-udjenza se jiġu mistiedna jitilgħu fuq il-palk armat apposta għal karaoke live, imma flok ikantaw ma’ mużika ħażina fl-isfond, se jkollhom l-opportunità jkantaw mal-Brass House Unit kif ukoll ma’ kantanti stabbiliti bħal Destiny, Claudio Faniello, Kevin Borg u Gaia Cauchi.
Għal aktar tagħrif dwar Notte Bianca żur www.noteebianca.org.mt

Other News

#nottebianca

SEGWINA FUQ IL-MIDJA SOCJALI

Dwar Notte Bianca

Notte Bianca tirritorna l-Belt Valletta b’mod spettakolari nhar is-Sibt 7 ta’ Ottubru bi programm imħejji b’reqqa mit-tim ta’ Notte Bianca flimkien mal-Kunsill Malti għall-Arti, li jiġbor fih l-aspetti kollha mill-qasam kreattiv..

Downloads

  • Mappa tal-Belt Valletta
  • Programm tal-Atmosfera
  • Logo tan-Notte Bianca Atmosfera
  • Programm Uffiċjali tan-Notte Bianca
  • Ara il-Vidjo tan-Notte Bianca 2017
  • Logo Uffiċjali tan-Notte Bianca

Segwina