Menu Filter

Attività bħal qatt qabel fil-Belt Valletta!

Attività bħal qatt qabel fil-Belt Valletta!

Immaġina: 2000 bozza fuq blokka bini fi Triq ir-Repubblika, li kollha jistgħu jkunu kkontrollati minnek stess! Il-festuni – li tradizzjonalment iżejnu l-bjut u l-pjazez fi żmien il-festi – se jingħataw xejra ġdida għall-2016 f’installazzjoni ta’ Andrew Schembri, Festa Festun, li se tikkonsisti f’festuni spettakolari li jistgħu jkunu kkontrollati mill-ispettaturi nfushom.

Fit-tarf nett tal-Belt, fil-forti maestuż ta’ Sant’ Iermu, disinjaturi u kreattivi se jkunu qed juru xogħolhom.  L-attivisti bbażati Berlin bl-isem Urban Action, se jagħtu workshop ta’ erbat ijiem li l-qofol tiegħu se tkun preżentazzjoni ta’ ideat għal ambjent urban aħjar.  Ambjent fejn nistgħu ninvolvu ruħna, u fejn nistgħu naħdmu, ngħixu u nilagħbu b’mod attiv.

It-titjiriet huma riservati għall-membri ta’ NONOTAK Studio – kollaborazzjoni bejn l-illustratriċi Noemi Schipfer u l-perit u mużiċist Takami Nakamoto. Dan id-dwett jaħdem fuq installazzjonijiet bid-dawl u l-ħoss, li bihom joħloq ambjenti delikati u tal-ħolm, bl-għan li jinvolvu lil dawk li jżuru Piazza D’Armi fil-Forti Sant’ Iermu.

Il-Belt kollha, mid-daħla sat-tarf tal-peniżola, għal darb’ oħra se tkun mimlija attività għan-Notte Bianca ta’ din is-sena.  It-tħejjijiet diġà għaddejjin għall-akbar avveniment kulturali li ta’ kull sena jsir fil-belt kapitali.  Nhar is-Sibt l-1 t’Ottubru, it-toroq u l-postijiet fil-belt se jieħdu l-ħajja bi programm varjat ta’ spettaklu u arti innovattiva.  Dan b’mod partikolari fin-naħa t’isfel tal-Belt.  Numru rekord ta’ attivitajiet huma ppjanati għal dawn in-naħat fosthom, wirja ta’ vetturi li se tinkludi xi karozzi tal-linja antiki restawrati, vetturi klassiċi u aktar bħala parti minn ISSUQ SAL-BELT.

L-element ta’ komunità se jibqa’ parti importanti minn dan il-festival, permezz tal-użu ta’ spazji bħall-Camarata fejn se ssir KAMRATA BURLESQUE! – satira niggieża fl-għanjiet ta’ Ċikku l-Poplu flimkien ma’ waqtiet biż-żfin.  F’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi se jkun hemm żfin tango tul il-lejl kollu f’MILONGA MALTIJA, kif ukoll spettaklu tal-maġija bl-isem MAĠIJA INFERMERIJA.  KANVAS KARNIVAL, fuq il-fosos ta’ Sant’ Iermu, huwa proġett interattiv fejn tfal u familji se jkollhom l-opportunità li jiżbgħu karrijiet tal-karnival li tħallew bojod apposta flimkien ma’ artisti tal-karnival.  Dan waqt li jgawdu l-atmosfera tal-karnival li se tinħoloq minn baned tal-karnival u gruppi taż-żfin.

“In-naħa t’isfel tal-Belt hija waħda mill-prijoritajiet tagħna.  Hija parti sabiħa mill-Belt Valletta li tista’ tintuża b’ħafna modi sbieħ.  Is-sena l-oħra, din iż-żona kienet mimlija attivita u din is-sena rridu li tkun aħjar.  Ir-riġenerazzjoni kulturali u l-proġetti fil-komunità huma parti mill-etos tagħna, u din iż-żona ttina opportunitajiet biex inwettquhom.  Fl-aħħar mill-aħħar, fin-naħa t’isfel tal-belt se jkun hemm ħafna x’wieħed jista’ jara u jesplora waqt il-festival”, qal id-direttur artistiku Sean Buhagiar.

Waqt Notte Bianca se jkun hemm ukoll attivitajiet aktar tradizzjonali, fosthom numru ta’ kunċerti b’mużika li tvarja minn Barokka u Eliżabettana sa gospel u jazz. Attività minn dawn hija SUR JAZZ, fejn żona tradizzjonali tal-jazz se tkun armata b’mod differenti, u fejn in-nies se jkunu jistgħu jgawdu l-mużika tal-Valletta Hot Club immexxi mill-Pusé.

ŻfinMalta se jkunu fi Pjazza San Ġorġ, li għal din il-lejla se toffri sfond għall-kunċert rock KUNĊERTUN, b’waqtiet fejn tindaqq ukoll mużika elettronika minn DJ li se jiżfnu magħha żeffiena tal-kumpanija nazzjonali taż-żfin.  Dan se jsir bejn id-daqq tal-mużika ta’ baned lokali fosthom The Travellers.

L-anniversarji wkoll se jkunu parti miċ-ċelebrazzjonijiet.  XI KSUĦAT se tfakkar l-450 anniversarju tal-Belt Valletta fi Pjazza La Vallette, fejn artist se jkun qed jonqox il-linja tal-għoli tal-bini li tagħti l-profil tal-belt fis-silġ. SHAKESPEARE 400 fit-Teatru Manoel se tiċċelebra l-anniversarju ta’ dan il-poeta bir-rakkont tal-aqwa sunetti u stejjer li qatt kiteb.

NOTTE BIANCA LIVE, li aktar ma jmur aktar qed isir popolari se jixxandar live fuq TVM minn Pjazza Teatru Rjal, fejn se jkunu qed jindaqqu wħud mill-aqwa għanjiet mill-erbgħin sena li ilu jittella’ l-Għanja tal-Poplu.

 Attivitajiet oħra jinkludu ŻIFFAŻFIN, fejn se jkun hemm żfin f’diversi toroq, attività fejn jintwerew ir-rebbieħa tal-Malta Short Film Festival, attività ta’ SCIENCE IN THE CITY b’esperimenti u installazzjonijiet fil-Bitħa tal-Palazz, u ħafna aktar.  Dettalji dwar l-attivitajiet kollha jinsabu fuq www.nottebianca.org.mt.

Notte Bianca huwa organizzat mill-Kunsill Malti għall-Arti fil-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali bis-sapport tal-Fondazzjoni Valletta 2018, il-Kunsill Lokali tal-Belt, TVM u MSV Life.

Other News

#nottebianca

SEGWINA FUQ IL-MIDJA SOCJALI

Dwar Notte Bianca

Notte Bianca tirritorna l-Belt Valletta b’mod spettakolari nhar is-Sibt 7 ta’ Ottubru bi programm imħejji b’reqqa mit-tim ta’ Notte Bianca flimkien mal-Kunsill Malti għall-Arti, li jiġbor fih l-aspetti kollha mill-qasam kreattiv..

Downloads

  • Mappa tal-Belt Valletta
  • Programm tal-Atmosfera
  • Logo tan-Notte Bianca Atmosfera
  • Programm Uffiċjali tan-Notte Bianca
  • Ara il-Vidjo tan-Notte Bianca 2017
  • Logo Uffiċjali tan-Notte Bianca

Segwina