Menu Filter

Ikompli s-suċċess ta’ Notte Bianca Ikompli s-suċċess ta’ Notte Bianca

Ikompli s-suċċess ta’ Notte Bianca

Notte Bianca – Lejl Imdawwal għal darb’oħra kienet suċċess kbir kemm fl-attendenza tan-nies kif ukoll fil-kwalità ta’ divertiment provdut. Din is-sena iktar minn 70,000 ruħ żaru l-Belt Valletta. Kull min żar l-ikbar festival Malti, mifrux minn fuq s’isfel tal-belt kapitali Maltija, kien espost għal madwar 90 attività varjata mill-oqsma kollha tal-arti fl-isfond tal-wirt arkitettoniku Belti.

Waqt żjara matul dan l-avveniment annwali, il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal kemm dan hu avveniment importanti fil-kalendarju kulturali ta’ pajjiżna għax joffri opportunità lill-pubbliku biex igawdi l-Belt Valletta.  Il-Ministru Bonnici qal li dan kollu jkompli jibni fuq il-prijorità ta’ dan il-Gvern li nagħmlu l-kultura aktar aċċessibbli permezz ta’ wirjiet artistiċi u entraturi f’siti storiċi miftuħin għal kulħadd bla ħlas. Il-Ministru Bonnici rringrazzja lill-artisti u l-ħaddiema kollha li pparteċipaw fl-edizzjoni ta’ din is-sena u faħħar il-ħidma tagħhom li qed tkompli tgħolli l-livell tal-kultura f’pajjiżna.

22520191_801831979977405_3378615978364086890_o22528866_801832313310705_6737293345705442555_o

Id-Direttur Artistiku Sean Buhagiar spjega kif Notte Bianca ta’ din is-sena kompliet tibni fuq dawk ta’ qabilha fejn tidħol kwalità.

“Kienet l-hena tagħna naraw dak it-tbissim kollu fil-Belt Valletta. Kemm l-artisti u kemm l-udjenzi kellhom esperjenza mill-isbaħ din is-sena. Ħdimna ħafna u għal dan nirringrazzja lit-tim kbir li ħadem minn qalbu sabiex ikollna suċċess dejjem akbar. Din kienet sena fejn għamilna kutrumbajsa fil-kwalità ta’ Notte Bianca – li jibqa’ festival maħbub ħafna mill-Maltin. Grazzi mill-qalb!” żied jgħid is-Sur Buhagiar.

Din is-sena Notte Bianca kellha żewġ kollaborazzjonijiet importanti – il-workshop ta’ La Fura dels Baus, fejn il-grupp teatrali Spanjol ħadem ma’ artisti minn Malta biex tellgħu spettaklu interattiv li kien jinkludi l-użu ta’ app; kif ukoll NOTTE BLANK, li rriżultat f’għadd ta’ wirjiet mużikali u viżivi f’Forti Sant’Iermu. Il-festival, bħas-sena li għaddiet għamel enfasi biex jittella’ xogħol ta’ media diġitali b’waħda li se tibqa’ tissemma’ tkun Ajru, l-installazzjoni interattiva magħmula minn bosta oġġetti quddiem il-Biblijoteka Nazzjonali, li flimkien jagħtu l-impressjoni li huma qatgħa għasafar.

Mużikalment Notte Bianca kienet eċċezzjonali wkoll. Grazzi għaliha l-pubbliku Malti kellu ċ-ċans jerġa’ jisma’ lill-kantawtriċi Claire Tonna tkanta l-kanzunetti ta’ Leonard Cohen wara nuqqas mix-xena mużikali lokali għal dawn l-aħħar sentejn kif ukoll lill-pjanista Gabi Sultana ddoqq xogħlijiet ta’ Philip Glass, li bħalissa tinsab ibbażata fil-Belġju ddoqq ma’ SPECTRA Ensemble.

22291321_797110397116230_2726405143506419105_o22538653_801832156644054_1908734197631846855_o

Għal min hu ammiratur tal-kantant Mellieħi Sammy Bartolo, seta’ jgawdi mill-verżjoni jazz tal-kanzunetti tiegħu, fuq Victoria Gate permezz ta’ Sur Jazz. Dan il-kunċert ingħata minn Dominic Galea, li flimkien mal-grupp tiegħu, ingħaqad mal-kantanta Nadine Axisa u Clark Tracey, li dis-sena kien premjat il-UK Jazz drummer 2017.

Notte Bianca issa tnewwel il-kappell tal-akbar avveniment annwali lil Valletta 2018 fejn il-Belt Valletta se tingħata t-titlu ta’ Kapitali Kulturali Ewropea s-sena d-dieħla biex tkompli tkun ta’ vetrina għall-qasam kulturali u kreattiv fuq skala nazzjonali.

Other News

#nottebianca

SEGWINA FUQ IL-MIDJA SOCJALI

Dwar Notte Bianca

Notte Bianca tirritorna l-Belt Valletta b’mod spettakolari nhar is-Sibt 7 ta’ Ottubru bi programm imħejji b’reqqa mit-tim ta’ Notte Bianca flimkien mal-Kunsill Malti għall-Arti, li jiġbor fih l-aspetti kollha mill-qasam kreattiv..

Downloads

  • Mappa tal-Belt Valletta
  • Programm tal-Atmosfera
  • Logo tan-Notte Bianca Atmosfera
  • Programm Uffiċjali tan-Notte Bianca
  • Ara il-Vidjo tan-Notte Bianca 2017
  • Logo Uffiċjali tan-Notte Bianca

Segwina