Menu Filter

Kollox Dwar Notte Bianca

 

Notte Bianca

Notte Bianca – Lejl Imdawwal, il-festival ta’ arti u kultura li jsir matul il-lejl, ser isir madwar il-Belt nhar l-1 ta’ Ottubru. Imtella’ mit-tim ta’ Notte Bianca u l-Kunsill Malti għall-Arti, il-festival ta’ din is-sena ser jerġa’ jsir it-toroq tal-belt kapitali u l-postijiet kulturali ser jerġgħu jingħataw il-ħajja grazzi għal programm varjat ta’ divertiment.

Minħabba li l-2016 ikompli vjaġġ ta’ tliet snin li jeħodna sa Valletta2018 – il-Kapitali Kulturali Ewropea, in-Notte Bianca ta’ din is-sena ser isir b’kollaborazzjoni mal-Fundazzjoni Valletta 18. Ispirata mill-għanijiet tal-Valletta2018, il-kollaborazzjoni kienet ta’ ġid biex tbiddel lill-Belt Valletta f’belt kulturali li hi vitali u relevanti għall-ġurnata tal-lum. Għalhekk din is-sena n-Notte Bianca xaqilbet lejn il-qasam tal-media ġdida diġitali sabiex toffri esperjenza iktar sħiħa.

It is in this spirit that this year will see Notte Bianca take a big shift into the world of new and digital media in order to become a more immersive experience.

“Kienet il-missjoni tagħna li nagħmlu n-Notte Bianca esperjenza verament esklussiva minn kull aspett,” spjega Sean Buhagiar, id-Direttur Artistiku tan-Notte Bianca. “Għalhekk l-edizzjoni tal-festival ta’ din is-sena hu ikbar u iktar mifrux. Għandna ’l fuq minn 1,000 ruħ li qegħdin jikkontribwixxu għal dan il-lejl speċjali. Il-festival qed jestendi ’l barra mis-swar tal-Belt, billi juża l-Port u t-Tlitt Ibliet, b’attivitajiet li ser iseħħu minn fejn jitilqu d-dgħajjes u fil-venda biex l-esperjenza tan-Notte Bianca tibda mill-ewwel. Qed nippjanaw ukoll li jkun hemm rappurtaġġ live għal min ma jistax jattendi imma jixtieq jara x’qed jiġri xorta waħda. Notte Bianca dejjem kien festival għan-nies, u t-tama tagħna hi li din is-sena tkompli tittejjeb din it-tradizzjoni.”

Fost l-attivitajiet hemm Design4DCity, esperiment fit-tixrid tal-għarfien u l-ispazju komuni. Urban Action, magħmula minn attivisti bbażati f’Berlin, ser jagħtu workshop ta’ erbat ijiem li jilħaq il-quċċata tiegħu permezz ta’ preżentazzjoni dwar ideat għal ambjent urban aħjar.

Grazzi għal Design4DCity, Nanotak Studio li hu bbażat f’Pariġi, ser jiddebbutta f’Malta. Id-dwett sar magħruf għal kif kapaċi jinvolvi lill-ispettaturi fl-ambjenti tal-ħolm li joħloq permezz ta’ dwal u ħsejjes. Il-mużiċist u disinjatur tal-ħoss Malti Mario Sammut, magħruf bħala Cygna, ser jikkontribwixxi bix-xenarji mużikali u sinfoniċi tiegħu għal dan il-proġett.

Attivitajiet oħra ta’ media diġitali jinkludu Fil-Kju, li ser tbiddel il-Belt f’esperjenza ta’ realtà miżjuda. Il-viżitaturi jistgħu jiskopru siltiet ta’ poeżija moħbija madwar il-Belt meta jieħdu scan bil-mobiles tagħhom ta’ codes li tqiegħdu madwar il-Belt. Imbagħad hemm l-installazjoni Ġejja Dgħajsa li tesplora t-tifsir u s-simboliżmu marbut mad-dgħajjes. L-installazzjoni fiha dgħajjes tal-karti li ser ikunu fl-arja permezz ta’ zkuk tal-metall, li jitbandlu u jixegħlu hekk kif tmisshom tmisshom.

Planċier Diġitali hu esperjenza ta’ arti reali virtwali li tgħaqqad l-arti ġdida ma’ dik antika. Għadd ta’ artisti tradizzjonali minn sfondi differenti, li jaħdmu bi stili differenti u jħaddnu filosfiji varji, se jitpoġġew fid-dinja diġitali biex jesploraw l-arti tagħhom fi tliet dimensjonijiet. L-arja ser titlewwen u tinxtegħel biż-żebgħa.

Wara s-suċċess kbir li kellu s-sena li għaddiet, ser jerġa’ jsir Karaoke ta’ Vera, bl-opportunità unika li l-parteċipanti jkunu akkumpanjati minn band live. ŻiffaŻfin se terġa’ ssir imma din id-darba ser tiffoka fuq iż-żfin kontemporanju. Stenna li tara hip hop, parkour u flash mobs ta’ żfin fit-toroq fost oħrajn. U minħabba li l-2016 rat il-mewt ta’ żewġ leġġendi tal-mużika, l-ammiraturi tal-mużika jistgħu jgawdu minn tribut uniku bil-kitarri lil David Bowie u Prince fil-kunċert Saħħa Bowie, Saħħa Prince.

Atmosfera, programm ta’ attivitajiet anċillari, ser ikun qed jikkontribwixxi biex ikompli jagħmel din il-lejla waħda ta’ suċċess. Knejjes, palazzi statali u mużewijiet ser ikunu miftuħin sas-sigħat bikrin ta’ filgħodu, b’ħafna minnhom joffru wirjiet u xogħlijiet performattivi fi ħdanhom.

Toroq u pjazez ser jinbidlu f’postijiet għal spettakli u kunċerti fil-miftuħ, waqt li ħafna kafetteriji u ristoranti ser jestendu s-sigħat tagħhom kif ukoll ser ikollhom ikel offrut minn bankarelli fuq il-bankini.

Notte Bianca qed tittella’ mill-Kunsill Malti għall-Arti li jaqa’ taħt il-Ministeru tal-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali bl-appoġġ tal-Fundazzjoni Valletta 2018, il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta u tal-Furjana, TVM u MSV Life.

 

 

Sean Buhagiar

Artistic Director

Sean Buhagiar

Sean Buhagiar (1986) hu direttur artistiku, produttur kreattiv u theatremaker ibbażat f’Malta. Fl-2015, Sean ingħata l-Premju għal Żgħażagħ li Jispikkaw mill-Junior Chamber International (JCI) Malta għall-kisba kulturali tiegħu. Sean għandu Baċellerat fl-Istudji tal-Komunikazzjoni u tat-Teatru fl-Università ta’ Malta u ġab Masters fil-Kreattività Performattiva mill-Universitajiet ta’ Ruma, Pariġi u l-Polonja fejn irriċerka Performance Creativity. Bħalissa jaħdem fit-teatru, films u festivals ta’ skala kbira. Ilu attiv fit-teatru lokali għal dawn l-aħħar 10 snin. Bħala attur dar u ħadem f’festivals fl-Irlanda, it-Tuneżija u l-Italja. Idderieġa bosta xogħlijiet fuq il-gżira fosthom ‘Kirana’ – opra tat-tfal ta’ Ruben Zahra, li daret internazzjonalment, kif ukoll għadd ta’ xogħlijiet bil-Malti bħal ‘Jiena Nħobb, Inti Tħobb’ u ‘Sibna ż-Żejt’ fit-Teatru Manoel.

Sean ipproduċa wkoll l-ewwel ċirklu performattiv kontemporanju f’Malta matul il-Festival Internazzjonali tal-Arti tal-2013. Fl-2016 ipproduċa u dderieġa ‘B’Tal-Linja Jaqbillek Żgur’, produzzjoni ta’ teatru tat-triq fuq skala kbira, li daret f’Malta u Għawdex fuq xarabank qadim.

Wirja tax-xogħol direttorjali tiegħu bħala theatremaker ittellgħet mill-uffiċċju rappreżentattiv ta’ Malta fil-Palestina bħala parti mill-programm Ewropew tal-Presidenza fl-2017. Fost organizzazzjonijiet oħra, Sean ħadem b’mod attiv mal-Kunsill Malti għall-Arti, il-Fundazzjoni Dr. Klown, il-Festival tax-Xjenza fil-Belt u l-Fundazzjoni Valletta 2018. Sean hu d-Direttur Artistiku attwali ta’ Notte Bianca u d-Direttur Artistiku ta’ Teatru Malta, il-kumpanija nazzjonali tat-teatru li twaqqfet dan l-aħħar.

#nottebianca

SEGWINA FUQ IL-MIDJA SOCJALI

Dwar Notte Bianca

Notte Bianca tirritorna l-Belt Valletta b’mod spettakolari nhar is-Sibt 7 ta’ Ottubru bi programm imħejji b’reqqa mit-tim ta’ Notte Bianca flimkien mal-Kunsill Malti għall-Arti, li jiġbor fih l-aspetti kollha mill-qasam kreattiv..

Downloads

  • Mappa tal-Belt Valletta
  • Programm tal-Atmosfera
  • Logo tan-Notte Bianca Atmosfera
  • Programm Uffiċjali tan-Notte Bianca
  • Ara il-Vidjo tan-Notte Bianca 2017
  • Logo Uffiċjali tan-Notte Bianca

Segwina